Puliżija u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għadhom għaddejjin bit-tfittxija u bil-ħidma ta’ salvataġġ għal ħames persuni rappurtati nieqsa, fi splużjoni li seħħet fil-kamra tan-nar ta' Sant' Elena f'Ta’ Xwieki, limiti tal-Għargħur.
L-isplużjoni seħħet l-Erbgħa għall-ħabta tas-sitta nieqes kwart ta’ filgħaxija, filwaqt li sitt ħaddiema kienu jinsabu jaħdmu fil-kamra tan-nar.
Fuq il-post waslu immedjatament il-Pulizija, il-paramediċi mill-Isptar San Luqa u membri tal-Forzi Armati ta’ Malta biex jikontrollaw is-sitwazzjoni.
Wieħed mill-irġiel li kien fil-kamra, ittieħed malajr l-Isptar San Luqa fejn instab li kien qed isofri minn ħruq f'ġismu iżda il-kundizzjoni tiegħu hi waħda stabbli.
Il-ħames irġiel l-oħra għadhom ma nstabux.
L-isplużjoni nstemgħet minn diversi nħawi ta’ Malta, speċjalment f’postijiet qrib bħal San Ġwann, Naxxar u Mosta.
Splużjoni oħra fl-istess kamra tan-nar ta' Sant' Elena seħħet 26 sena ilu, fejn persuna kienet ħalliet ħajjitha.
Bl-inċident kien infurmat il-Maġistrat ta' l-Għassa Silvio Meli li ħatar diversi esperti sabiex jgħinuh fl-inkjesta.
Read this news in English:
Explosion at St. Helen's fireworks factory
by MaltaMedia News – Jun 27, 2007