From MaltaMedia.com
Malta it-tieni l-aqwa pajjiż fil-bidla għall-ewro
By MaltaMedia News
Jan 5, 2008 - 5:32:01 PM
F’mitt siegħa ħarġu mill-banek iktar minn €83 miljun waqt li 73% tal-Maltin qed iħallsu bl-ewro biss, il-Kumitat Nazzjonali ghall-Bidla ghall-Ewro (NECC) qal is-Sibt. B’hekk, Malta saret it-tieni l-iktar pajjiż li qatt għamel bidla b’ħeffa u effiċjenti għall-ewro.
Mill-ewwel tas-sena sas-Sibt, l-Maltin għamlu 135,000 transazzjoni minn ATMs fejn b’kollox inġibdu €15.5 miljun. Fl-aħħar erbat ijiem, il-banek kummerċjali għamlu 108,000 transazzjoni ġewwa l-fergħat tagħhom fejn b’kollox ġew imsarrfa €68.1 miljuni.
L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea ppublikat is-Sibt dwar l-andament tal-ġurnata tal-bieraħ juri biċ-ċar li l-Maltin komplew jagħmlu l-bidla b’pass iktar mgħaġġel mill-maggoranza tal-pajjizi li s’issa adottaw il-munita ewro. Malta hija it-tieni pajjiż li qed jagħmel bidla b’ħeffa u effiċjenti. Kienet biss l-Olanda li fl-2002 wettqet bidla għall-ewro bi ftit iktar ħeffa minn Malta. Fl-Olanda 80% taċ-ċittadini kienu qed iħallsu bl-ewro biss wara erbat ijiem. It-tlettax–il pajjiż ieħor li introduċew l-ewro ma wettqux bidla daqsekk b’ħeffa u effiċjenti daqs Malta.
Il-Gimgha, 52% tal-Maltin irrapportaw li għandhom karti ta’ l-ewro biss fil-kartiera tagħhom, filwaqt li 55% tal-Maltin għandhom muniti ta’ l-ewro biss fil-kartieri tagħhom.
L-aktar element importanti, huwa li matul il-Gimgha kien li 73% tal-pagamenti fil-ħwienet saru bl-ewro biss. Dan iffisser ħafna, ghaliex juri biċ-ċar li l-konsumatur Malti qed jisma mill-pariri tal-NECC sabiex kemm jista’ jkun għandu jsir ħlas bl-ewro mill-ewwel ħalli b’hekk tkun aktar faċli li wieħed jibda jidra jaħseb bl-ewro mingħajr tfixkil.
L-istess jista jingħad f’dak li għandu x’jaqsam mal-koperazzjoni tas-sidien tal-ħwienet. L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea jindika li matul il-Gimgha, 97% irċevew l-bqija bl-ewro biss.
Il-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-ewro irringrazzja lill-konsumaturi u lis-sidien tal-ħwienet tal-koperazzjoni li qed juri f’dan il-process tant importanti. Il-Kumitat ikompli jheggeg lil-Banek kummerċjali sabiex ikomplu jestendu s-servizzi tagħhom matul il-ġranet li ġejjin u b’hekk l-ewro jidħol fiċ-ċirkolazzjoni bl-aktar mod faċli u malajr.
Read this news in English:
Malta second best country in euro changeover
by MaltaMedia News – Jan 5, 2008
© Copyright 2008 by MaltaMedia.com