From MaltaMedia.com

Aħbarijiet bil-Malti
Maħtura il-kunsillieri l-ġodda
By MaltaMedia News
Mar 28, 2008 - 6:01:21 PM

Il-kunsilleri l-ġodda ġew maħtura waqt cerimonja uffiċċjali fil-Berġa ta’ Kastilja il-Gimgħa wara nofsinhar. L-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali saru fit-8 ta’ Marzu flimkien ma’ ta’ l-elezzjoni ġenerali.

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal lill-kunsillera biex ikunu responsabbli għax-xoghol tagħhom u heġġigħom sabiex jirrispettaw ir-rwol daqstant importanti ta’ l-eżekuttiv immexxi mis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill.

Huwa irringrazzja wkoll lil dawk il-kandidati li kkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali iżda li ma ġewx eletti. Dr Gonzi qal li riżorsa bħal din m’għandhiex tintilef u li kull min joffri lilu nnifsu biex ikun ta’ servizz għal pajjiż u għal lokalità tiegħu, diġà qiegħed juri sens ta’ impenn soċjali qawwi. Huwa appella biex il-Kunsill Lokali jagħrfu jużaw it-talenti ta’ dawn l-individwi.

“Irrid ukoll nappellalkom sabiex, id-deliberazzjonijiet tagħkom dwar materji diskussi jkunu xprunati minn sens ta’ ġustizzja, interess kollettiv u l-prijorità assoluta għandha tkun biss il-ġid komuni tar-residenti.  Dawn l-elementi għandhom iwasslu sabiex id-deċiżjonjiet li tieħdu jkunu l-aħjar possibbli,” qal il-Prim Ministru.

Fost il-maħtura il-Gimgħa kien hemmm il-kunsillier Darrel Pace li kien elett fiz-Zejtun. Is-Sur Pace kien parti mit-tim ta’ MaltaMedia. Din ta’ l-aħħar tifraħ lis-Sur Pace u tixtieqlu iktar success fix-xogħol tiegħu mal-kommunita taz-Zejtun.

Aqra l-aħbar bl-Ingliz.


© Copyright 2008 by MaltaMedia.com